Ċifri li għadhom kif ġew ippublikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, il-Maltin siefru aktar drabi, filwaqt li naqset in-nefqa medja fuq kull btala.
Fil-fatt, l-istatistika wriet li minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena, il-Maltin siefru total ta' 704,426 darba. Jirriżulta li dik hija żieda ta' 6.6% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Sadanittant, in-nefqa medja fuq kull btala kienet dik ta' €982; ċifra li tindika tnaqqis ta' 4.8% fl-infieq medju ta' kull persuna Maltija meta din tkun imsiefra.
Dettalji interessanti oħrajn li ħarġu minn din l-istatistika jinkludu l-fatt li l-maġġoranza tal-Maltin li siefru kienu persuni li għandhom bejn il-25 u l-44 sena, kif ukoll il-fatt li l-Italja kienet id-destinazzjoni ewlenija l-iżjed frekwentata mill-Maltin li marru btala din is-sena.
X'taħsbu intom dwar l-informazzjoni li ħarġet minn din l-istatistika?
Facebook / Malta International Airport u Pexels