Il-Gozo Channel ħareġ sejħa għall-offerti biex jikri r-raba’ vapur li se jopera fuq ir-rotta bejn Malta u Għawdex. Dan il-vapur mistenni jieħu post l-MV Nikolaos, il-vapur Grieg li ilu jopera mal-Gozo Channel sa mill-2019 bħala soluzzjoni temporanja.
Il-Ministeru għal Għawdex qal li r-raba’ vapur se jsaħħaħ is-servizz bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, biex il-vjaġġi jkunu aktar affidabbli, effiċjenti u jlaħħqu mad-domanda dejjem tikber kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-vetturi. Il-kuntratt tal-kiri se jkun għal sentejn inizjalment, filwaqt li l-offerti se jiġu evalwati skont l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità.
Il-Ministeru sostna li din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn tiegħu biex ikompli jtejjeb il-konnettività bejn Malta u Għawdex, li hija essenzjali għar-residenti, in-negozji u l-ekonomija Għawdxija.