Il-provvista tal-elettriku f’Malta żdiedet bi 3.2% matul l-2025, u laħqet it-3,207.1 GWh, skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Id-domanda medja għall-elettriku żdiedet bi 2.9%, u laħqet il-492 MW. Kif wieħed jista’ jistenna, l-akbar domanda ġiet irreġistrata matul ix-xhur sħan tas-sajf, b’Lulju jilħaq 637 MW u Awwissu 585 MW.
Fil-fatt, Lulju kien ukoll ix-xahar bl-ogħla provvista tal-elettriku, b’362.6 GWh, segwit minn Awwissu b’334.6 GWh. Is-sħana qawwija tas-sajf tkompli tpoġġi pressjoni fuq is-sistema tal-elettriku f’Malta u Għawdex. F’Lulju ta’ din is-sena, il-Gvern kien ħabbar li d-domanda laħqet rekord ġdid ta’ 741 MW, ferm aktar mir-rekord preċedenti ta’ 663 MW irreġistrat fl-2023.
Bħalissa, Enemalta qed tiddependi kompletament fuq il-ġenerazzjoni lokali tal-elettriku, hekk kif l-interconnector bejn Malta u Sqallija jinsab temporanjament mitfi minħabba xogħlijiet fi Sqallija marbuta mat-tieni interconnector. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar jekk iż-żmien magħżul għal dawn ix-xogħlijiet kienx l-aktar wieħed opportun, partikolarment meta t-temperaturi għadhom relattivament għoljin.
Skont l-NSO, l-importazzjoni tal-elettriku żdiedet b’6.2% matul l-2025, filwaqt li l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli żdiedet bi 8.1%. Il-maġġoranza assoluta ta’ din l-enerġija rinnovabbli, jiġifieri 96.8%, ġiet minn pannelli fotovoltajċi. Minkejja ż-żieda fil-provvista, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-ħruq tal-fjuwil fil-power stations naqsu bi 2.4% meta mqabbla mal-2024.
Madankollu, l-isfidi fis-settur tal-elettriku jibqgħu evidenti. Matul is-sajf, Għawdex esperjenza qtugħ fit-tul tal-provvista wara ħsarat f’żewġ cables li jwasslu l-elettriku lejn il-gżira. Din is-sitwazzjoni ħalliet impatt fuq ir-residenti u n-negozji, b’mod partikolari dawk fis-settur turistiku.
Intant, Enemalta ħarġet sejħa għal interess għall-bini ta’ konnessjoni ġdida tal-elettriku bejn Malta u Għawdex, li tinkludi cable taħt il-baħar twil madwar 20 kilometru, bejn Baħar iċ-Ċagħaq u Għajnsielem. Hekk kif id-domanda għall-elettriku tkompli tikber minn sena għall-oħra, tibqa’ l-mistoqsija dwar kemm l-infrastruttura tal-pajjiż hija preparata biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet futuri, speċjalment matul ix-xhur tas-sajf.