Il-Kunsill Lokali Tal-Isla B’Esperjenza Kulturali Unika Fil-Qalba Tal-Lokalità

Kunsill

Permezz tar-Reġjun Kulturali 2026, ir-Reġjun Port b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Isla, il-Fgura Scouts u d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem ser jorganizzaw l-attività kulturali bl-isem ‘Ħġejjeġ’ nhar is-27 ta’ Ġunju, bejn is-7:30 u l-11:00 ta’ filgħaxija, bħala ċelebrazzjoni tal-wirt storiku, kulturali u komunitarju tal-lokalità Sengleana.

Permezz ta’ interpretazzjoni kontemporanja ta’ tradizzjoni antika marbuta mal-ħġejjeġ, l-attività se tittrasforma diversi żoni storiċi tal-Isla f’rotta kulturali b’tmien postijiet differenti fejn se jittellgħu wirjiet mużikali minn artisti lokali.

Kull post se jkun immarkat b’ħuġġieġa tradizzjonali, filwaqt li mappa interattiva se tiggwida lill-pubbliku minn sit għal ieħor.



Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet li din l-inizjattiva hija eżempju ċar ta’ kif il-wirt kulturali jista’ jingħata l-ħajja permezz ta’ kollaborazzjonijiet bejn il-kunsilli lokali, entitajiet lokali u l-komunità.



“Dan il-proġett mhux biss jippreserva tradizzjoni importanti marbuta mal-Isla u r-Reġjun tal-Port, iżda joħloq ukoll spazju inklussiv fejn il-familji, l-artisti u l-viżitaturi jingħaqdu flimkien f’esperjenza kulturali unika.

Inħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi u jkunu parti minn din iċ-ċelebrazzjoni tal-identità u l-wirt tagħna,” temmet tgħid il-Ministru Zerafa Civelli.

L-attività se tilħaq il-qofol tagħha fil-Forti San Mikiel, fejn se tinxtegħel l-aħħar ħuġġieġa u jintwera
dokumentarju qasir li jiffoka fuq l-istorja u s-sinifikat tat-tradizzjoni tal-Ħġejjeġ fl-Isla u fir-Reġjun tal-Port.

Is-Sindku tal-Isla, Clive Pulis spjega li l-viżitaturi se jkunu jistgħu jgawdu wkoll minn servizz ta’ ferrovija
turistika bla ħlas li se ddur kontinwament bejn il-postijiet kollha tal-attività, filwaqt li tipprovdi tagħrif dwar l-istorja u l-wirt tal-Isla.



Se jkunu organizzati wkoll workshops relatati mal-ikel, il-mużika u l-istejjer kulturali, li għalihom hija meħtieġa reġistrazzjoni minn qabel.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku, Joseph Galea, qal li dawn l-avvenimenti m’għandhomx biss għan artistiku, iżda jmorru lil hinn minn hekk billi jqiegħdu l-kultura fil-qalba tal-komunità u qrib in-nies, u b’hekk iżidu l-aċċessibbiltà għall-kultura.

Huwa żied li dawn l-inizjattivi għandhom ukoll l-għan li jsaħħu l-għarfien dwar il-lokalitajiet li fihom ikunu qed jiġu organizzati.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI