Il-Malta Festival of Ideas Ikompli B’Attivitajiet Li Jgħaqqdu L-Kultura, Id-Demokrazija U L-Innovazzjoni

Il-Malta Festival of Ideas kompla bil-programm tiegħu għall-2026 permezz ta’ konferenza ta’ jumejn li saret fit-23 u l-24 ta’ Ottubru fil-Valletta Design Cluster, fil-Belt Valletta. Taħt it-tema Mind the Gap: Democracy, Human Rights and Cultural Justice, il-konferenza laqqgħet professjonisti, artisti, edukaturi u diversi rappreżentanti mir-reġjun Ewro-Mediterranju biex jiddiskutu l-istat tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja kulturali.

Il-konferenza kienet tinkludi tliet diskussjonijiet bejn gruppi ta’ esperti u żewġ intervisti li esploraw l-importanza tax-xogħol akkademiku fil-qasam kulturali u l-iżvilupp tal-politika pubblika.

Fost il-kelliema kien hemm l-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, li enfasizza l-importanza tal-istituzzjonijiet indipendenti fil-ħarsien tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Min-naħa tiegħu, il-Professur Rached Khalifa mit-Tuneżija tkellem dwar ir-realtajiet kulturali u ġeopolitiċi tal-Mediterran u l-ħtieġa li jingħelbu d-diviżjonijiet bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tar-reġjun.

Id-Direttur Alex Farrugia saħaq fuq il-ħtieġa li l-kultura titqies lil hinn mit-tradizzjonijiet, filwaqt li d-Direttur Artistiku Karl Fiorini spjega kif il-programm artistiku, ispirat mill-mitoloġija u l-metamorfosi, se jkompli jiżviluppa matul it-12-il xahar li ġejjin. Matul il-konferenza, dawk preżenti setgħu jammiraw ukoll ix-xogħol artistiku The Energy of Metamorphosis ta’ Marina Tenerelli, pittura fuq injam riċiklat li tesplora l-wirt kulturali u l-pjanti indiġeni. Din il-pittura se tkun esebita fil-Ġonna Botaniċi tal-Argotti fl-2027.

Il-festival se jkompli matul Novembru b’għadd ta’ attivitajiet madwar Malta u Għawdex. Fit-12 ta’ Novembru se ssir serata letterarja bil-parteċipazzjoni tal-awtur Franco Bifo Berardi, filwaqt li fit-13 ta’ Novembru se ssir diskussjoni dwar ir-reżiljenza fi żminijiet ta’ kriżi. L-għada, fl-14 ta’ Novembru, se tittella’ attività dwar ir-rwol tal-fungi fil-bijoloġija, is-sostenibbiltà u l-moda. Il-programm se jkompli f’Għawdex fil-21 ta’ Novembru b’workshop dwar il-pjanti mediċinali, filwaqt li fit-22 ta’ Novembru se jsir il-Gozo Herbs Festival flimkien ma’ attività ta’ arti fit-toroq fl-Għarb.

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Malta Festival of Ideas qed ikompli joħloq spazju għad-djalogu, il-kreattività u l-iskambju tal-ideat, filwaqt li jlaqqa’ flimkien il-kultura, ix-xjenza u s-soċjetà.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI