Il-Malta Girl Guides (MGG) se jingħaqdu ma’ miljuni ta’ Girl Guides u Girl Scouts madwar id-dinja biex jiċċelebraw il-100 anniversarju ta’ World Thinking Day, inizjattiva tal-World Association of Girl Guides and Girl Scouts (WAGGGS). Dan il-jum, imfakkar kull sena fit-22 ta’ Frar, ilu mill-1926 u jfakkar il-wirt ta’ Lord u Lady Baden-Powell, filwaqt li jgħaqqad aktar minn 10 miljun membru f’153 pajjiż.

Biex jimmarkaw iċ-ċentinarju, il-MGG se jorganizzaw Scarf Day nhar l-20 ta’ Frar, fejn il-membri huma mħeġġa jilbsu l-maktur tal-Guiding fl-iskola, l-università jew fuq il-post tax-xogħol – simbolu ta’ identità, għaqda u impenn lejn il-valuri tal-moviment.
It-tema ta’ din is-sena, “Il-Ħbiberija Tagħna”, tiċċelebra r-rabtiet li sawru l-Girl Guiding matul il-ġenerazzjonijiet, u tenfasizza l-importanza tar-rispett, l-inklużjoni, it-tmexxija u ċ-ċittadinanza attiva. World Thinking Day jibqa’ jfakkar lill-membri li huma parti minn netwerk globali li jaħdem flimkien biex joħloq bidla pożittiva fil-komunità.

F’din l-okkażjoni speċjali, il-Malta Girl Guides qed tħeġġeġ lill-komunità kollha tappoġġja din l-inizjattiva u tingħaqad fl-ispirtu ta’ għaqda u solidarjetà li jirrappreżenta World Thinking Day. Scarf Day mhux biss ġest simboliku, iżda opportunità biex jitqajjem għarfien dwar ir-rwol tal-Guiding fit-tiswir ta’ bniet u żgħażagħ kunfidenti, responsabbli u lesti biex jagħmlu differenza pożittiva fis-soċjetà.
Facebook / Malta Girl Guides