Il-Parroċċa San Sebastjan f’Ħal Qormi ħabbret b’niket il-mewt ta’ Monsinjur Dun Vinċenz Deguara, li ħalla din id-dinja aktar kmieni llum fl-età ta’ 94 sena.
“Il-Mulej riedni, għażilni u għamilni kuntent; nittama li nibqa’ kuntent sal-aħħar nifs ta’ ħajti!” kienu kliem Mons. Dun Vinċenz Deguara li jibqgħu xhieda tal-fidi u d-dedikazzjoni tiegħu matul ħajtu.
Mons. Deguara, li twieled fl-1932, għadda għall-ħajja ta’ dejjem fid-Dar tal-Kleru, fejn kien ilu residenti għal dawn l-aħħar snin. Huwa serva bħala t-tielet kappillan tal-Parroċċa San Sebastjan bejn l-1969 u l-1988, fejn ħalla marka qawwija fil-komunità permezz tal-ħidma pastorali tiegħu.
Il-parroċċa esprimiet il-kondoljanzi tagħha lill-familjari, qraba u ħbieb tiegħu, u ħeġġet lill-pubbliku biex f’dan il-mument diffiċli joffru sostenn permezz tat-talb u l-preżenza tagħhom.
F’messaġġ mimli sens ta’ fidi, il-parroċċa talbet biex l-Anġli jwassluh fis-sema, fejn jilqgħuh il-martri u jidħol fil-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm. Intqal ukoll it-talb: “Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fil-paċi. Ammen.”
Id-dettalji tal-funeral ta’ Mons. Dun Vinċenz Deguara se jitħabbru aktar tard.
Facebook / Parroċċa San Sebastjan – St Sebastian Parish – Qormi