Ix-xena tal-ispettaklu u l-moda bħal-lum sena ilu qamet maħsuda bl-aħbar li għadda għal ħajja ta’ dejjem, id-disinjatur lokali Drew Warhurst ta’ Drew & Crew. Is-Sibt ta’ qabel kienet ingħatgħat l-aħħar tislima lill-għażiża ommu.
Lil Drew żgur li ħafna jafuh bħala l-istilista li libbes lil Emma Muscat diversi drabi, kif ukoll lil Ira Losco. Fost it-tibidiliet li ħa ħsib Drew, insibu t-tibdiliet ta’ Emma Muscat fil-Malta Eurovision Song Contest u l-Eurovision Song Contest.
Oħt Drew, Sharon Micallef Warhurst, fuq il-mezzi soċjali tagħha kitbet messaġġ għal ħuha, sena wara li ħalla din id-dinja.
“L-ewwel Anniversarju mill-mewt tiegħek għażiż Andrew. Iż-żmien jgħaddi tassew malajr, ilha sena t-telfa tiegħek… Tant inħossu n-nuqqas tiegħek għażiż ħija Drew… Il-ħsieb li int u l-Mamà qegħdin flimkien ifarraġni, għax naf x’rabta speċjali kellkom intom it-tnejn.”
Sharon tkompli, “Il-ħafna memorji tiegħek jibqgħu jgħixu għal dejjem f’qalbi. Inħobbok dejjem Andrew, l-anġlu tiegħi fil-Ġenna.” Xerrdet anke ritratti biex tfakkar il-memorja tiegħu.
Insellmu l-memorja tal-għażiż Drew. Kuraġġ lil Sharon u l-għeżież kollha tiegħu.