Brandon Terribile ħabbar li beda proġett ġdid għal qalbu, bl-isem L-Investigaturi tal-Kotba, li qed jixxandar nhar ta’ Ħamis fl-16:30 fuq TVM. Dan il-programm beda propju lbieraħ.
Il-proġett, li sar b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u PBS Malta, għandu l-għan li jittrasforma l-qari f’esperjenza divertenti, interattiva u mimlija avventura għat-tfal.
Permezz ta’ kontenut innovattiv, it-tfal se jkunu jistgħu jidħlu f’dinja ta’ misteri u avventuri, filwaqt li jitħeġġu jiskopru l-pjaċir tal-qari u jiżviluppaw l-imħabba tagħhom lejn il-kotba.
Brandon spjega, "Xi ħaġa oħra li tagħmel dan il-proġett speċjali għalija hija l-kast mill-isbaħ ta’ atturi li jirrappreżentaw id-diversità tas-soċjetà tagħna. Bħal f’kull proġett li noħloq flimkien mat-tim tiegħi, l-inklużjoni u r-rappreżentazzjoni jibqgħu fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu. Nemmnu li kull tifel u tifla, irrispettivament mill-abbiltajiet tagħhom, għandu jkollhom l-opportunità li jaraw lilhom infushom rappreżentati fuq l-iskrin."
Huwa rringrazzja lid-direġenti tal-PBS u lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu għall-kollaborazzjoni tagħhom, u qal li jinsab ħerqan li jaqsam dan il-proġett mal-pubbliku.