Illum, 13 ta’ Frar, id-dinja tiċċelebra ‘Il-Jum Dinji tar-Radju’, ġurnata ddedikata għal mezz ta’ komunikazzjoni li minkejja l-avvanzi teknoloġiċi, għadu relevanti, maħbub u preżenti fil-ħajja ta’ kuljum ta’ ħafna nies.
Ir-radju ilu snin twal jakkumpanja lin-nies: mill-aħbarijiet, għall-mużika, programmi kulturali, diskussjonijiet u anke mumenti ta’ solidarjetà fi żminijiet diffiċli. Huwa mezz li jilħaq diversi komunitajiet, jagħti vuċi lil min m’għandux kif ukoll iġib lin-nies aktar qrib ta’ xulxin.
Jekk nieħdu Malta, ir-radju għandu storja rikka. Ħafna jiftakru l-vuċijiet familjari li bdew jakkumpanjawhom sa minn ċkunithom: vuċijiet li kienu parti mir-rutina ta’ kuljum, fil-karozza, fid-dar jew fuq ix-xogħol. Anke llum, f’era diġitali, huma ħafna dawk li għadhom iduru fuq l-istazzjonijiet favoriti tagħhom biex isibu kumpanija, informazzjoni jew sempliċiment kanzunetta li tagħtihom wens.
Din il-ġurnata tfakkarna f’kemm ir-radju huwa mezz b’saħħtu: mezz li jinforma, jeduka, jispira u xi drabi anke jfejjaq permezz tal-vuċi u l-kliem. F’soċjetà mgħaġġla u mimlija storbju, il-radju jibqa’ spazju fejn il-kelma u l-messaġġ għandhom valur.
Illum, nagħtu ġieħ lil dawk kollha li jaħdmu fid-dinja tar-radju: preżentaturi, ġurnalisti u produtturi li kuljum iwasslu informazzjoni u emozzjoni direttament fil-qlub tas-segwaċi tagħhom.