Il-Ministru għall-Kultura, Artijiet u Gvern Lokali Owen Bonnici kiteb awgurju mill-qalb għall-għażiż missieru, persuna li tant isibha warajh f’kull pass li jagħmel.
“Illum missieri jagħlaq 81 sena. Awguri minn qalbi lill-iktar raġel li nammira u l-aqwa missier li qatt seta’ jkolli. L-istorja ta’ missieri hija waħda ta’ reżiljenza, bżulija u għaqal. Twieled eżatt wara l-gwerra f’familja ta’ 12 f’parti taż-Żejtun li jgħidulha ‘ta’ Tablin’.”
Owen jitkellem dwar ħajjet missieru, fost l-oħrajn dak li għadda minnu, u jsemmi kemm għex fis-sempliċita’ u fl-umilta’.
“U dejjem priedkalna biex fiċ-ċokon tagħna nkunu strument ta’ ġid għal għajrna. Kemm ħija Jason u jiena mxejna ‘l quddiem fil-professjonijiet u l-karrieri tagħna. Forsi ħafna b’mod ġenerali jafu lili għax għandi profil pubbliku imma ħija Jason, bħala tabib bravissimu, jagħmel ħafna u ħafna ġid fil-kwiet u bi mħabba kbira immens għal għajru.”
Japprezza kemm dejjem, inkluż matul l-aħħar kampanja elettoral, missieru kien hemm biex juri l-appoġġ tiegħu.
Owen ikompli, “Awguri missier f’għeluq sninek. Il-frażi grazzi ta’ kollox qatt m’hi biżżejjed!”
Facebook/ Owen Bonnici