Minkejja li x-xahar ta’ Mejju hu mistenni li jibda’ jagħti l-ewwel togħma tal-istaġun tas-sajf, jidher li din is-sena t-temp xitwi baqa’ jippersisti hekk kif illum, proprju ftit jiem qabel jibda’ Ġunju, pajjiżna ntlaqat minn xita qawwija u anke sajjetti f’xi waqtiet.
It-tbassir tat-temp maħruġ mill-Uffiċju Meteroloġiku ta’ pajjiżna qed juri li l-ġurnata tal-Ħadd se tkun ikkaraterizzata minn iżjed xita u anke xi sajjetti f’xi waqtiet. Ir-rapport meteroloġiku kompla jgħid li r-riħ mistenni li jkun qawwi tul il-ġurnata kollha.
Iżda jidher li fl-aħħar it-temp se jippermettielna li nibdew ingawdu s-sajf hekk kif minkejja li għal nhar it-Tnejn u nhar it-Tlieta hemm tbassir ta’ temp iddominat mis-sħab, jidher li l-aħħar ftit jiem ta’ Mejju u l-ewwel ġranet ta’ Ġunju se jkunu xemxin b’temperaturi pjuttost għoljin li jlaħħqu s-27 grad celcius.