Il-Ministeru għat-Turiżmu qed jaħdem fuq pjan sabiex titnaqqas il-konġestjoni fil-Belt Valletta, billi l-passiġġieri tal-vapuri tal-kruċieri jiġu mħeġġa jżuru lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex.
Kif irrapportat Times of Malta, il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela spjega fil-Parlament li l-Ministeru, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-operaturi fis-settur, se jaħdem sabiex joffri għażla usa’ ta’ destinazzjonijiet lit-turisti malli jinżlu minn fuq il-vapur.
Dan ma jfissirx li dawn it-turisti mhux se jkunu jistgħu jżuru l-kapitali, iżda l-għan huwa li titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ turisti fil-Belt fl-istess ħin, filwaqt li lokalitajiet oħra jibbenefikaw ukoll mit-turiżmu.
Matul is-sajf li għadda, diversi gwidi turistiċi esprimew tħassib dwar il-folol kbar fil-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq, partikolarment waqt l-isparatura tal-kanun ta’ nofsinhar. Huma wissew li din il-konġestjoni tista’ toħloq riskju għas-sigurtà f’każ ta’ emerġenza.
Ġew irrappurtati wkoll kjuwijiet twal għal-lift tal-Barrakka, li ħolqu inkonvenjent kemm għat-turisti kif ukoll għar-residenti. Ta’ min ifakkar li fl-2025 Malta laqgħet madwar erba’ miljun turist, filwaqt li sal-aħħar ta’ din is-sena n-numru jista’ jilħaq l-erba’ miljun u nofs.