Il-preżentatur tar-radju Luca Lorenzo ħabbar li għalaq kapitlu importanti fil-karriera tiegħu wara li temm il-ħidma tiegħu mal-istazzjon Vibe.
F’messaġġ personali, huwa spjega kif fl-aħħar ġimgħat kien qed jirċievi numru kbir ta’ mistoqsijiet mingħand is-semmiegħa dwar għaliex ma kinuxx qed jisimgħuh.
“Iva, kapitlu magħluq… Iva, iddeċidejt li ntemm il-vjaġġ tiegħi ma’ Vibe. Id-deċiżjoni ma kinitx faċli,” jikteb Luca.
Matul il-karriera tiegħu, Luca Lorenzo għamel madwar 1,080 programm fuq medda ta’ ħames snin, inkluż programmi fil-weekend, filgħodu, wara nofsinhar u drive time.
Huwa qal li dejjem prova jpoġġi lis-semmiegħa fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu u jġib tbissima fuq wiċċhom kull darba li jixgħel il-mikrofonu.
Filwaqt li ma żvelax b’mod ċar xi jmiss, huwa indika li qed iħares lejn kapitlu ġdid f’ħajtu b’ottimiżmu, u temm il-messaġġ tiegħu b’sens ta’ gratitudni lejn dawk kollha li segwewh matul is-snin.
“Xi jmiss? Issa naraw, kull ma naf hu li se nagħmlu bi tbissima,” iżid Luca.