Fl-aħħar sigħat waslet Malta konsenja ta’ għexieren ta’ eluf ta’ dożi tal-vaċċin kontra l-influwenza, wara li l-awtoritajiet tas-saħħa rnexxielhom isibu provvista alternattiva mill-Italja. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg, li spjega kif ftit tal-ġimgħat ilu l-awtoritajiet ġew infurmati mill-importatur li l-vaċċini ma kinux se jkunu jistgħu jaslu Malta qabel Jannar.
Minkejja din id-diffikultà, skont il-Ministru, f’inqas minn 24 siegħa nstabet soluzzjoni alternattiva u ġew akkwistati għexieren ta’ eluf ta’ dożi mill-Italja. Il-konsenja waslet ftit jiem wara, saħansitra qabel iż-żmien previst. Ian Borg ħabbar ukoll li, wara diversi snin, qed terġa’ ssir ħidma mal-Kunsilli Lokali biex it-tilqima kontra l-influwenza tkun aktar aċċessibbli għall-pubbliku.
Intant, dawk li jixtiequ jieħdu l-vaċċin huma mħeġġa jsegwu l-avviżi tal-awtoritajiet tas-saħħa għal aktar informazzjoni dwar kif u fejn se tkun qed tingħata t-tilqima.