Javvanza L-Proġett Ta’ 267 Appartament Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali F’Ħal Farruġ

Il-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Farruġ qed jagħmel progress sostanzjali, hekk kif għaddejjin ix-xogħlijiet biex jinbnew 267 appartament ġdid, b’investiment li jlaħħaq madwar €45 miljun.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar is-sit tal-proġett sabiex jara mill-qrib il-ħidma li qed issir. Il-proġett mifrux fuq medda ta’ madwar 10,000 metru kwadru u se jinkludi appartamenti b’kamra tas-sodda waħda, tnejn jew tlieta, skont il-ħtiġijiet tal-familji. Barra minn hekk, huma ppjanati madwar 300 garaxx u spazji għall-parkeġġ.

L-għan ta’ dan l-investiment huwa li jiżdiedu l-għażliet ta’ akkomodazzjoni soċjali għal familji vulnerabbli, filwaqt li jinħolqu residenzi li joffru ambjent sigur, stabbli u ta’ kwalità. Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bonnici enfasizza l-importanza li kull familja jkollha post li tista’ ssejjaħlu dar.

“Id-dar mhijiex sempliċiment erba’ ħitan. Hija s-sigurtà, l-istabbiltà u l-post fejn familja tibni l-ħajja tagħha. Għalhekk, investiment ta’ din il-kobor huwa investiment dirett fil-familji u fil-futur tagħhom,” sostna l-Ministru. Dan il-proġett jagħmel parti minn inizjattivi usa’ fil-qasam tal-akkomodazzjoni, bil-għan li aktar familji li jinsabu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jkollhom aċċess għal residenza adegwata għall-bżonnijiet tagħhom.

Għaż-żjara attendew ukoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Malita Marlene Attard, iċ-Ċermen tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa, is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI