“Jekk Hawn Min Jaħseb Li Għax Nuża Ilsien Ir-Raħal Jaħseb Li Jiena Injorant, Sejjer Imqarraq Ferm” – Mid-Djarju Tat-Timba

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, Mid-Djarju tat-Timba qasam mas-segwaċi tiegħu kelmtejn dwar xi kummenti li jingħadu u dwar il-fatt li għax xi ħadd jitkellem b’aċċent, ma jfisser li għandu xejn anqas minn ħadd.

Hu qal, “Mhijiex kwistjoni jekk mhijiex soċjevoli jew le, anzi ma tantx jimpurtani x’jaħseb ħaddieħor fuqi, aktar naħseb li jiena fil-fatt bniedem stramb, aktar naħseb li huwa fatt li minn dejjem għażilt il-ħbieb, imma naħseb aktar fin-nies inġenerali nagħmel għażla. Żgur li ma tagħtunix tort, il-ħajja għallmitni mod ieħor, meta ħriġt minn ġuf ommi sibt dinja lesta biex taqtani minn saqajja ma’ kull nifs. Jiena nsemmi ħafna l-imgħoddi biex aktar nifhem li stil ta’ ħajja ta’ era oħra, fis-sempliċità tagħha, però n-nostalġija mhijiex xi ħaġa tajba biss, għax għandna ħabta nsemmu t-tajjeb b’mod romantiku. Il-verità hi li kien hemm waqtiet koroh ukoll, però ma kinux spissi u kien hawn aktar nies li stajt tafda.”

Żied, “Illum bilkemm tista’ tiftaħ ħalqek li ma ssibx xi ċuċ, għadu għandu l-ħalib t’ommu fi snienu, li ma jkunx irid iwaqqgħek għaż-żufjett u jaħseb li twieled ġenju. Saħansitra anki nies maturi li jriduha ta’ patrijotti u minn għaxar kelmiet minn ħalqhom jgħidu ħamsa bl-Ingliż, tlieta bit-Taljan u żewġ kelmiet Maltin imħallta, u jiena l-injorant pastaż għax nitkellem bid-djalett!? Qed niltaqa’ magħha spiss din tat-tgħajjir għax nitkellem bid-djalett u issa anki fil-kitba ġieli nirċievi xi kumment anki privat xejn ħelu! Wasalna s’hemm!?”

Qal ukoll, “Kummenti li jweġġgħuk! Qatt ma stħajt li ngħid minn fejn ġejt u lanqas se nistħi! Tkellimt ma’ Presidenti tal-pajjiż bil-lingwa tiegħi, tkellimt ma’ Prim Ministri bil-lingwa tiegħi. JIENA ŻURRIQI U KBUREJ!! L-uniformi ngħorri b’unur u flok taċ-ċingi u x-xorts f’nofs għalqa nilbishom b’unur ukoll. L-għeruq tiegħi issudaw f’nofs ix-xagħri, fil-blat ippuntat tax-xfarijiet, il-ġilda xrafet bil-marlogg tal-magħżqa.”

Temm jgħid, “Jekk hawn min jaħseb li għax nuża ilsien ir-raħal jaħseb li jiena injorant, sejjer imqarraq ferm. Skola tgħallimt u mhux ftit u mort fl-ogħla istituzzjoni li għandna bl-għaraq ta’ xbini u meta kbirt. Ma kellhomx mezzi ommi u missieri imma ma żammewniex milli mmur meta kelli l-mezzi jiena. Hemmhekk ukoll sibt min jistmer il-mod u l-qagħda tiegħi, idejn kollha kallijiet u maqsuma, qatt m’għamilt ma’ nies rotob u fini, jiena bniedem ruff u nasal għal punt. Maż-żmien indunaw li kellhom sfida bija u bidlu l-fehma meta lħaqhtom u għaddejthom. Mela mhiniex injorant daqs kemm nidher!! Inqata’ l-paroli “U int minn ġewwa l-għalqa f’hiex tifhem!!” “Erġa’ mur qalb il-ħitan tas-sejjieħ minn fejn ħriġt!!” Qatt tiġġudikaw ħuti għax hemm ċans li tiġu mqarqa!! Saħħa ħuti u l-għaxija t-tajba.”







Ritratti:

Facebook/Mid-Djajru Tat-Timba

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI