Hekk kif jagħmel ta’ sikwit, Evarist Bartolo qasam mas-segwaċi tiegħu kelmtejn interessanti rigward l-istorja ta’ Malta permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu.
Hu qal, “Qabel ġew il-Kavalieri fl-1530, Malta kellha sptar żgħir b’nofs tużżana sodod u Għawdex sptar b’inqas minn 10 sodod. Kien hawn xi tobba Lhud u ftit oħrajn Kattoliċi minn Sqallija u minn Spanja imma kienu jiġu għal ftit xhur u jitilqu għax kienu mħallsin ftit. L-Isptar ta’ Santu Spiritu r-Rabat kien ilu mis-seklu 14. Bin-nofs tużżana sodod li kellu kien iservi lil dawk li jgħixu l-Imdina, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħal-Qormi u n-Naxxar.”
Żied, “Jaraw kif jinqdew – In-nies tal-Birgu (raħal ta’ 500 dar) u taż-Żejtun kienu jaraw kif jiqdew mit-tobba li kienu jaħdmu fuq ix-xwieni ta’ Alvaro de Nava li kien il-kaptan tal-Kastell. Kellu xwieni għall-kummerċ u għall-kursara li kienu joħorġu jaħtfu x-xwieni u jisirqu lil kull min u kulma jsibu fihom. Fil-Kastell l-Għawdxin kellhom sptar li kien fetaħ ċertu Francesco Bonnici fl-1452. Għall-ewwel kien jismu Santu Spirtu mbagħad sar jismu San Ġiljan. Kellu inqas minn 10 sodod.”
Qal ukoll, “Żewġ morda kull soda – F’dawk iż-żminijiet kull sodda taż-żewġ sptarijiet ta’ Malta u Għawdex kienu jżommu fiha mill-inqas żewġ morda. Roger Ellul-Micallef jagħti tagħrif fuq is-servizz tas-saħħa qabel u wara l-wasla tal-Kavalieri f’diskors li għamel fil-Forti Sant Anġlu fil-11 u 12 ta’ Diċembru 2000 ippubblikat fl-2011 fil-Peregrinationes III tal-Accademia Internazionale Melitense. Fis-seklu 15 f’Malta u Għawdex kien hawn tobba Lhud bħal Abraham Safaradi, Shema Djerbi u Simone Maltese. Kien hawn ukoll tobba Kattoliċi minn Sqallija bħal Giovanni Beniveni u minn Spanja bħal Michele Ferriol, Dan kien iżżewweġ Maltija u kellna ġenerazzjoni ta’ tobba Ferriol fis-snin ta’ wara.”
Temm jgħid, “Imħallsin ħażin ħafna – Kien ġie tabib Lhudi minn Spanja, Angelo Anello, li kien sar Nisrani fl-1492 biex ma jitkeċċiex minn Malta bħalma tkeċċew il-Lhud kollha minħabba r-reliġjon tagħhom. Dawn it-tobba barranin kienu jiġu fil-gżejjer tagħna għal ftit xhur biss tas-sena, kultant għal sitt xhur biss, għax kienu mħallsin ħażin ħafna. Il-gvern lokali tal-Imdina kien iħallashom mill-ftit flus li kien jiġbor mit-taxxa ta’ fjorin fuq kull bettija nbid. Kien hawn ukoll tobba Maltin bħal Salvo Schembri, Rainiero Bonello u Giuseppe Callus. Aktarx li dawn kienu l-ewwel tliet tobba Maltin li kellna fl-istorja tagħna.”
Facebook/Evarist Bartolo