Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr ħareġ stqarrija biex jiċċara s-sitwazzjoni dwar l-użu ta’ kameras tas-sigurtà (CCTV) fil-latrini pubbliċi tal-Ġnejna, wara li dalgħodu fuq Facebook dehru kummenti u ritratti li qajmu mistoqsijiet dwar il-privatezza ta’ dawk li jużaw dawn il-faċilitajiet.
Il-Kunsill spjega li l-kameras twaħħlu bħala miżura ta’ deterrent kontra atti ta’ vandaliżmu, filwaqt li saħaq li l-privatezza tal-persuni li jużaw il-latrini hija mħarsa. Biex iserraħ ras il-pubbliku, ippubblika wkoll ritratti li juru kif jinsabu installati l-kameras bħalissa.
Fl-istess stqarrija, il-Kunsill indirizza ritratt li kien iċċirkola fuq paġna ta’ Facebook, filwaqt li għamilha ċara li dan ma kienx ġej mill-kameras tas-sigurtà tiegħu. Wara li sar kuntatt mal-persuna responsabbli mill-paġna, il-Kunsill ġie infurmat li l-pubblikazzjoni kienet saret bħala ċajta. Madankollu, talab li din titneħħa minnufih, kif fil-fatt seħħ.
Il-Kunsill temm billi appella għall-kooperazzjoni tal-pubbliku sabiex il-postijiet pubbliċi jibqgħu mħarsa u jkunu jistgħu jitgawdew minn kulħadd. Intom x'taħsbu dwar l-użu ta' kameras tas-sigurtà fil-latrini pubbliċi bħala miżura kontra l-vandaliżmu?
Facebook / Kunsill Lokali Mġarr