Illejla fuq TVM jibda uffiċjalment is-serial il-ġdid Casa Ċelestina, produzzjoni li diġà qed tqanqal interess kbir fost it-telespettaturi Maltin. Fost l-elementi li qed jiġbdu l-attenzjoni hemm is-sigla, miktuba u interpretata minn Corazon, li fuq il-midja soċjali qasmet messaġġ personali u spontanju dwar dan il-proġett speċjali.
Fil-post tagħha, Corazón bdiet b’nota umoristika dwar ir-ritratt li tellgħet, qabel ma daħlet fil-qalba tal-messaġġ, “Mela, dar-ritratt x’għandu x’jaqsam? Qaluli tella’ ritratt tiegħek għax il-post jarawh aktar nies. Tgħid vera? Imma dan kollu biex ngħidilkom: Illejla jibda CASA Ċelestina fuq TVM.”
Hi żżid, “Kienu x-xeni kuluriti tieghu, l-iskript eccellenti u l-atturi kapaci li nebbhuni biex nikteb sigla li treġġagħna lura fiż-żmien… u Desier li b’pacenzja ta’ Ġobb stennieni biex inlestilu dan ix-xoghol qalb il-ġenn ta’ dawn l-aħħar xhur. Biex ktibt din is-sigla kelli nohrog sew mill-comfort zone tieghi u ninsa l-Corazón tas-soltu.”
Corazon tkompli, “Irnexxieli nibniha mużikalment grazzi ghall-expertise ta’ Andrew Zammit (Tone Studios) kemm bħala arranġatur u fuq kollox mużiċist. Issa din se tkantaw maghha bhalma kantajtu ‘Ta’ Gerit’?
Għiduli llejla…”
Minn kliemha jidher ċar li s-sigla ta’ Casa Ċelestina kienet sfida kreattiva li ħarġitha mill-istil mużikali tas-soltu tagħha, b’għan ċar li toħloq atmosfera nostalġika li taqbel perfettament mal-istorja u l-estetika tas-serial. Hi tat ukoll rikonoxximent importanti lill-mużiċist u arranġatur Andrew Zammit ta’ Tone Studios, li kellu rwol kruċjali fil-bini mużikali tas-sigla.
Issa l-mistoqsija li qed tagħmel Corazón lill-pubbliku tibqa’: se ssir din is-sigla waħda minn dawk li t-telespettaturi jkantaw magħha, bħalma ġara b’Ta’ Gerit? It-tweġiba tibda tasal llejla, hekk kif Casa Ċelestina jagħmel id-debutt tiegħu fuq TVM.
Facebook / Corazon Mizzi