Il-Professur Michael Spagnol jagħmel analiżi brillanti dwar l-Innu Malti li nktieb fl-1922 minn Dun Karm. Prof. Spagnol jgħid li huwa test profondament simboliku u politiku li jitwieled f’kuntest ta’ tensjoni lingwistika, identitarja u soċjali. Il-kliem tiegħu, kollu ta’ oriġini Għarbija, ma jimponix identità, iżda joħloq spazju fejn nazzjon li għadu qed jissawwar jista’ jitkellem bih innifsu. L-innu nħadem fuq melodija diġà eżistenti ta’ Robert Samut, u għalhekk il-lingwa tintgħażel b’dixxiplina mużikali: sempliċi, qasira u komuni, b’ħafna kliem b’sillaba waħda.
L-innu ma huwiex innu militari jew trijonfanti, imma talba kollettiva. Jibda minn relazzjoni intima u familjari; iben jitlob lill-Missier jieħu ħsieb l-omm, l-art, u jimxi lejn qasam pubbliku u politiku, fejn jitlob tmexxija għaqlija, ġustizzja soċjali, u għaqda fost il-poplu. Il-verbi fl-imperattiv jagħtu sens ta’ urġenza u responsabilità: is-sliem mhuwiex stat miksub, iżda proċess li jrid jinbena.
Fil-qalba tal-innu hemm ir-relazzjoni: bejn il-bniedem u l-art, bejn il-poplu u Alla, u bejn il-Maltin infushom. Aktar milli jgħid min aħna, l-Innu Malti jistaqsina min irridu nsiru u x’responsabbiltà rridu nerfgħu bħala komunità.