Waqt żjara li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għamlet dan l-aħħar fl-Iskola St Francis f’Tas-Sliema, studenta żagħżugħa staqsietha x’jista’ jsir sabiex tintemm il-vjolenza fuq in-nisa.
F’filmat ta’ din il-konverżazzjoni, li Metsola qasmet fuq il-midja soċjali tagħha, hija saħqet li din hija kwistjoni li għandha tingħata l-attenzjoni mistħoqqa matul is-sena kollha u mhux f’ġurnata waħda biss.
Propju llum, il-25 ta’ Novembru, qed jitfakkar il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, okkażjoni li tfakkarna fl-importanza li nkomplu naħdmu sabiex tintemm kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa.
F’messaġġ separat fuq il-pjattaforma X, Metsola esprimiet is-solidarjetà tagħha ma’ dawk in-nisa li ġew imsikkta, dawk li qed jgħixu fil-biża’ u dawk li għadhom qed isibu l-kuraġġ biex isemmgħu leħinhom.
"L-ebda mara m’għandha qatt issofri abbuż jew tħoss li m’għandhiex fejn iddur għall-għajnuna. Qatt m’aħna se nagħlqu għajnejna għal din ir-realtà. Kull mara jistħoqqilha li tħossha sigura, li ssib is-sostenn li teħtieġ u li tkun ħielsa li tgħix ħajja mingħajr vjolenza," qalet il-President Metsola.
Messaġġ importanti li jfakkarna li l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa hija responsabbiltà kollettiva u li ħadd m’għandu jibqa’ sieket quddiem l-abbuż.
Facebook / Roberta Metsola