L-Uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika appella lill-pubbliku biex jafda biss informazzjoni uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-kwalità tal-ilma tal-għawm u kwalunkwe riskju għas-saħħa pubblika marbut maż-żoni tal-għawm.
L-awtoritajiet spjegaw li r-ritratt li deher fil-paġna ta’ quddiem tal-edizzjoni tal-lum tal-gazzetta Illum, marbut mal-kwalità tal-ilma tal-għawm, ma jurix sors ta’ kontaminazzjoni li ġie identifikat matul l-investigazzjonijiet li wettqu l-awtoritajiet kompetenti.
Skonthom, l-użu ta’ dan ir-ritratt jista’ joħloq impressjoni żbaljata dwar is-sitwazzjoni li qed tiġi investigata. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, iwettaq programm estensiv u bbażat fuq evidenza xjentifika biex jimmonitorja l-kwalità tal-ilma tal-għawm matul l-istaġun tas-sajf.
B’mod regolari jittieħdu kampjuni tal-ilma u jsiru testijiet skont standards xjentifiċi u regolatorji, sabiex ikun żgurat li l-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-ibħra ta’ Malta b’mod sigur.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ isegwi l-aħħar aġġornamenti permezz tas-sorsi uffiċjali, fosthom il-paġna tal-Programm tal-Ilma tal-Għawm tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, il-paġna uffiċjali fuq Facebook, kif ukoll stqarrijiet u avviżi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.
L-awtoritajiet appellaw ukoll biex in-nies igawdu l-ibħra Maltin matul ix-xhur tas-sajf filwaqt li jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa u ma joqogħdux fuq rapporti mhux ivverifikati, spekulazzjonijiet fuq il-midja soċjali jew sorsi mhux uffiċjali li jistgħu ma jirriflettux is-sitwazzjoni reali.
Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kompla jispjega li l-kwalità tal-ilma u kwalunkwe riskju għas-saħħa pubblika jiġu evalwati kontinwament. Meta r-riżultati jew l-investigazzjonijiet juru li hemm riskju għall-għawwiema, jittieħdu passi immedjati, fosthom il-ħruġ ta’ avviżi kontra l-għawm, stqarrijiet uffiċjali u t-tqegħid ta’ tabelli ta’ twissija fiż-żoni affettwati.
Meta tiġi identifikata kontaminazzjoni, l-awtoritajiet tas-saħħa jaħdmu mill-qrib ma’ entitajiet oħra kompetenti biex jinstab is-sors tal-problema u jiġu implimentati miżuri korrettivi sabiex il-kontaminazzjoni tiġi kkontrollata u eliminata.
L-Uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tenna l-impenn tiegħu favur it-trasparenza u li jkompli jinforma lill-pubbliku permezz ta’ komunikazzjoni f’waqtha, ibbażata fuq evidenza xjentifika, bil-għan ewlieni li titħares is-saħħa pubblika.