L-ERA Tniedi N-Numru 1404 – Numru Ġdid U Faċli Biex Tiftakru Għal Emerġenzi Ambjentali

ERA

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) nediet in-numru 1404, servizz dedikat għar-rappurtar ta’ emerġenzi ambjentali, disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

Is-servizz tal-emerġenzi ambjentali tal-ERA ilu disponibbli 24 siegħa kuljum permezz tan-numru ġenerali tal-Awtorità, 2292 3500.

Bl-introduzzjoni ta’ 1404, il-pubbliku issa għandu numru iqsar u aktar faċli biex jiftakar, maħsub speċifikament għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenzi relatati mal-ambjent.

Permezz ta’ 1404, il-pubbliku jista’ jirrapporta każijiet urġenti li jkunu għadhom qed iseħħu u li jeħtieġu attenzjoni immedjata tal-ERA. Dan jippermetti lill-Awtorità tirċievi l-informazzjoni fil-ħin, tevalwa s-sitwazzjoni u tikkoordina l-azzjonijiet meħtieġa li jkun hemm bżonn.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ juża 1404 meta josserva attivitajiet jew inċidenti li jistgħu jkunu qed jikkawżaw ħsara lill-ambjent.

Dawn jistgħu jinkludu ħruq ta’ skart, rimi illegali ta’ skart, qtugħ jew qerda illegali ta’ siġar u veġetazzjoni, ġbir jew kummerċ illegali ta’ speċijiet protetti, każijiet ta’ tniġġis, kif ukoll emerġenzi ambjentali oħra li jeħtieġu intervent immedjat.

Rapporti ppreżentati fil-ħin jgħinu lill-ERA taġixxi aktar malajr u tieħu l-miżuri meħtieġa biex titnaqqas il-ħsara ambjentali.

Meta jsir rapport, huwa importanti li tingħata kemm jista’ jkun informazzjoni, inklużi l-post, id-data u l-ħin tal-inċident. Fejn ikun possibbli, il-pubbliku huwa wkoll imħeġġeġ jieħu ritratti jew filmati, li jistgħu jkunu ta’ għajnuna fl-investigazzjonijiet tal-ERA.

L-ERA tħeġġeġ lill-pubbliku jżomm in-numru 1404 fil-mowbajl tiegħu, sabiex ikun jista’ jintuża minnufih f’każ ta’ emerġenza ambjentali.

Għal rapporti ambjentali li ma jkunux urġenti, il-pubbliku jista’ juża s-sistema elettronika tal-ERA għar-rappurtar ta’ każijiet.

Għal mistoqsijiet jew talbiet oħra, il-pubbliku jista’ jkompli jikkuntattja lill-ERA fuq 2292 3500. F’każ ta’ emerġenza ambjentali, ċempel 1404.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI