Ħafna drabi meta naħsbu fuq l-iskola, għadna nħarsu lejha b’lenti antika: sistema mibnija fuq mudell li jmur lura sa żmien l-Industrial Revolution. Dan kien punt li ġie diskuss mill-edukatur Luke Fenech waqt il-programm L-Impenn li skontu fl-imgħoddi, l-iskola kienet maħsuba biex tipproduċi ħaddiema u ssaħħaħ l-ekonomija aktar milli biex tifforma l-individwu.
“Mhux qed ngħid li l-edukazzjoni m’għandhiex tgħin lill-ekonomija…ovvjament għandha,” jispjega Luke. “Imma jekk inħalluha biss hemm, inkunu qed ninsew il-wellbeing tal-istudenti u l-bżonnijiet reali tagħhom.” Luke jemmen li ċertu mentalitajiet antiki għadhom preżenti fis-sistema edukattiva tal-lum. Wieħed mill-akbar problemi skontu, huwa l-pressjoni li ħafna studenti jesperjenzaw minn età żgħira biex jagħżlu suġġetti bil-ħsieb tax-xogħol meta għadhom lanqas biss skoprew min huma jew x’verament iħobbu. “B’dan il-mod qed nitilfu ħafna talent, għax mhux kulħadd jidħol fl-istess kaxxa,” iżid Fenech.
Huwa għalhekk li Luke jaqbel bis-sħiħ li l-iskejjel tal-isnajja’ u toroq alternattivi fl-edukazzjoni għandhom jiġu introdotti u msaħħa. Skola waħda li tipprova taqdi lil kulħadd bl-istess mod skontu, se tħalli lil ħafna studenti lura.“Meta jkollok sistema one-size-fits-all, ħafna bżonnijiet jitħallew minsija,” jispjega. “Il-bidla fl-edukazzjoni trid tibda billi nisimgħu lill-istudenti mhux ngħidulhom biss x’għandhom bżonn.”
Bħala għalliem, Luke jħobb ħafna jdaħħal id-dibattitu fil-lezzjonijiet tiegħu, speċjalment fis-suġġett tal-Etika. Huwa jemmen li meta tisma’ ideat differenti mhux biss issaħħaħ l-opinjonijiet tiegħek iżda wkoll tifhem aħjar lill-istudenti quddiemek.
“Malta mhijiex realtà waħda,” jisħaq. “Għandna realtajiet differenti, familji differenti, sfidi differenti u l-edukazzjoni trid tkun kapaċi tifhem u tadatta għal dawn id-differenzi.”
Facebook/ Luke Fenech