L-MEP Daniel Attard Jindirizza S-Summit Tal-Euronews Dwar L-Ivvjaġġar U T-Turiżmu

Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard indirizza summit internazzjonali organizzat mill-Euronews dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu, li sar ilbieraħ fi Brussell. Attard, li mexxa r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar it-turiżmu, tkellem dwar il-ħtieġa ta’ aktar investiment fis-settur, mhux biss biex dan ikompli jikber, iżda biex il-benefiċċji tiegħu jinħassu wkoll fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti.

“Is-suċċess fit-turiżmu ma jfissirx biss li jaslu aktar nies. Ifisser xogħol diċenti, negozji lokali li sejrin ’il quddiem u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti,” qal Attard. Huwa sostna li l-awtoritajiet lokali għandu jkollhom rwol ċentrali fid-deċiżjonijiet li jolqtu t-turiżmu fil-komunitajiet tagħhom. Fl-istess waqt, qal li dawn għandhom jingħataw l-appoġġ meħtieġ mill-Unjoni Ewropea, fosthom permezz ta’ fondi u informazzjoni li jgħinuhom jindirizzaw sfidi komuni ma’ lokalitajiet oħra madwar l-Ewropa.

Fost il-prijoritajiet li semma kien hemm aktar investiment Ewropew fil-konnettività, kemm bil-ferrovija, bil-baħar u bl-ajru, kif ukoll fit-trasport lokali. Attard qal li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gżejjer u lil dawk id-destinazzjonijiet li jiddependu fuq il-konnessjonijiet bl-ajru jew bil-baħar biex jibqgħu marbuta mal-bqija tal-Ewropa.

Skont Attard, konnettività aħjar tista’ twassal biex aktar bliet, irħula u gżejjer igawdu mill-benefiċċji ekonomiċi li jġib miegħu t-turiżmu. “Ma nistgħux ngħidu lin-nies imorru f’postijiet inqas magħrufa jekk imbagħad ma jkunx hemm mezz tajjeb biex jaslu għalihom. L-impenn Ewropew irid jissarraf f’investiment konkret,” qal.

Fil-każ ta’ Malta u Għawdex, Attard enfasizza li konnessjonijiet effiċjenti u affidabbli huma kruċjali mhux biss għas-settur turistiku, iżda wkoll għar-residenti u n-negozji. Għalhekk, qal li l-investiment għandu jassigura servizzi affidabbli matul is-sena kollha li jaqdu kemm lil dawk li jgħixu u jaħdmu fil-gżejjer Maltin kif ukoll lill-viżitaturi.

Il-messaġġ imwassal minn Attard ġie inkluż mill-Euronews fost il-ħames punti ewlenin li ħarġu minn dan is-summit internazzjonali.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI