“Llum, Tinsab Fejn Tinsab Fil-Ħajja Tiegħek, Ftakar Li Inti Denju Jew Denja Tal-Imħabba” – Dr Nicholas Briffa

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa għadda messaġġ sabiħ li persważ li bosta għandhom bżonn jisimgħuh f’dan il-jum.

Beda billi qal, “Jum San Valentinu ħafna drabi jixħet l-attenzjoni fuq il-koppji. Fjuri ma’ kull rokna tal-irħula, ikliet, ritratti u ġesti pubbliċi ta’ mħabba. Imma l-imħabba qatt ma kienet biss għal min hu f’relazzjoni. L-imħabba tappartjeni lil kull bniedem. Kemm jekk inti single, kemm jekk qed tfiq minn relazzjoni passata, kemm jekk inti miżżewweġ jew miżżewġa, f’relazzjoni, separata, armel jew armla, jew sempliċement għaddej jew għaddejja minn fażi ta’ tfittxija personali, illum jista’ jkun tfakkira li l-imħabba mhix biss xi ħaġa li nirċievu. Hija xi ħaġa li nkabbru. Fil-ħbiberiji. Fir-rabtiet tal-familja. Fil-mod kif nitkellmu magħna nfusna. Fil-paċenzja li nuru ma’ xi kollega. Fil-maħfra li nagħżlu meta jkun aktar faċli li nrabbu skorċa madwar qalbna.”

Kompla billi żied jgħid, “Din il-festa hija marbuta ma’ saċerdot jismu Valentinu li għex fit-3 il-seklu f’Ruma. Skont it-tradizzjoni, fi żmien l-Imperatur Klawdju t-Tieni, iż-żwieġ għas-suldati żgħażagħ kien skoraġġut għax kien maħsub li jnaqqsilhom id-dedikazzjoni u l-impenn lejn l-armata. Valentinu jingħad li kien iżżewweġ koppji fil-moħbi. Fl-aħħar spiċċa arrestat u maqtul fl-14 ta’ Frar. Maż-żmien, din il-ġurnata minn tifkira ta’ kuraġġ u lealtà saret ċelebrazzjoni tal-imħabba romantika. Forsi l-oriġini tagħha għadha tgħidilna xi ħaġa. L-imħabba mhix biss rumanz. Hija impenn. Hija li tagħżel il-konnessjoni anke meta ċ-ċirkustanzi jkunu diffiċli. Hija li nipproteġu dak li hu uman fina.”

Qal ukoll, “Allura llum, tinsab fejn tinsab fil-ħajja tiegħek, ftakar li inti denju jew denja tal-imħabba. Agħtiha b’qalbek miftuħa. U ftakar li l-valur tiegħek ma jitkejjelx mill-istatus tar-relazzjoni tiegħek, imma mill-kapaċità tiegħek li tħobb u li tieħu ħsieb lill-oħrajn. Awguri mill-qalb lil kulħadd .”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI