Malta ħa tkun qed tirċievi l-vaċċin tal-Covid-19 fi ftit ġranet minn meta toħroġ dan ikkonfermah id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne. L-Unjoni Ewropea jidher li tinsab viċin ħafna sabiex tiffirma kuntratt ma’ Pfizer u BioNTech għal 300 miljun doża tal-vaċċin.
Fearne mas-sit Times of Malta qal li l-iżvilupp kien “aħbar tajba” iżda huwa xorta waħda esprima kawtela minħabba l-fatt li għad iridu jsiru xi testijiet biex jikkonfermaw li l-vaċċin huwa totalment sigur u effettiv, mingħajr effetti sekondarji.
Prijorità ħa tkun mogħtija lill-ħaddiema tas-saħħa u lil dawk vulnerabbli sabiex jieħdu din il-vaċċin. Fearne qal li negozjati għadhom għaddejjin u b’hekk ma setax jikkonferma meta l-vaċċin ħa jkun qed jasal f’pajjiżna.
Il-prova klinika tat-tiele fażi li hi l-aħħar stadju tal-vaċċin bdiet f’Lulju li għadda u sal-lum irreġistraw 43,538 parteċipant. Skont projezzjonijiet tal-provvista, il-kumpaniji qed jistennew li jipproduċu 50 miljun doża globalment sal-aħħar ta’ din is-sena u 1.3 biljun doża fis-sena 2021.