Malta ġiet inkluża fost l-aqwa seba’ destinazzjonijiet li wieħed għandu jżur fl-2026, grazzi għat-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale. L-għażla saret mill-pjattaforma internazzjonali Artsy, ibbażata fi New York, li poġġiet lil Malta ma’ bliet u pajjiżi rinomati għall-avvenimenti artistiċi tagħhom, fosthom Venezja u Sydney.
Il-Malta Biennale 2026 qed jirċievi attenzjoni qawwija fil-midja internazzjonali speċjalizzata fl-arti, b’rivisti u siti elettroniċi bħal Artforum, South West Contemporary u l-pjattaforma Ġermaniża eTN, li ddeskriviet lil Malta bħala destinazzjoni unika matul ir-rebbiegħa.
Il-President tal-Malta Biennale 2026 u Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qal li dan l-avveniment qed jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta fil-kalendarju internazzjonali tal-arti kontemporanja, spalla ma’ spalla ma’ destinazzjonijiet ta’ fama kbira.
Il-Malta Biennale 2026 se jittella’ bejn il-11 ta’ Marzu u d-29 ta’ Mejju f’11-il mużew u sit storiku ta’ Heritage Malta fil-Belt Valletta, il-Birgu, ix-Xagħra u ċ-Ċittadella f’Għawdex, u se jlaqqa’ aktar minn 100 artist minn 39 pajjiż taħt id-direzzjoni artistika ta’ Rosa Martínez.
Facebook / Malta Biennale