Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, l-Kalakku tkellem dwar esperjenza li għadda minnha riċentament fejn ġie misruq.
Beda billi qal, “Itlob dejjem, tisraq qatt. F’dawn l-aħħar ġranet serquni, kissruli ħġieġa u ħaduli laptop u stereo tal-karozza. Kważi tliet snin ilu ħriġt l-aħħar diska tiegħi flimkien ma’ Etienne Pawney “Ħin Misluf”. Diska li għamilna għal Bjorn Formosa li ntużat għall-ftuħ uffiċjali tat-tieni dar ta’ Bjorn ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Waħda mill-aktar xogħlijiet li ngħożż u ngħid għaliha, għalkemm xogħol tiegħi stess, kull meta nismagħha tqabbadni l-bard. Wara din id-diska kelli ħafna u ħafna affarijiet u battalji personali x’nieħu ħsieb, u għad fadalli. Ftit xhur ilu avviċinajt lil Mariah Mifsud Bonnici fuq diski li kelli f’moħħi u qbadna naħdmu. Qed nikteb dan għax naħseb li hu ħin opportun li b’ġebla waħda nolqot żewġ għasafar u ngħaddi żewġ messaġġi.”
Żied, “Nammetti. Jien stess m’iniex subgħajha dritt, però qatt ma sraqt, u meta kelli l-inkwiet għamilt id-dejn jew tlabt, imma qatt ma sraqt. Meta jkollok vizzju, aħjar idejjaq għajn ħaddieħor u titolbu milli tisraq. It-tieni – fil-ġimgħat li ġejjin flimkien ma’ Mariah se nibdew noħorġu dak li kelli f’moħħi. L-ewwel diska timxi id f’id mas-serqa li saret lili bl-isem ta’ “Ġbajt Nabbuża”. Wara din se noħorġu oħra, “Min Jien”.”
Temm jgħid, “Importanti – Jekk min seraqni, nispera, qed jara din il-post, ikellimni u jekk il-laptop għadu għandu, kemm nieħu dak li hemm fuqu u żommu. Apparti minn hekk naħliflek fuq uliedi li, għalkemm irrid min jgħin lili, nipprova ngħin lilek. Il-moral ta’ dan kollu hu kif dejjem għidt. “Bir-rap nagħti leħen lil min hu bla vuċi.”