“Mort Naħdem Ġo Organic Farm… Hemm Bdejt Niskopri S-Sbuħija U T-Tjubija Tal-Prodott Naturali.” – Daniel

Fuq il-paġna The People of Malta, Daniel qasam storja personali li turi kif bidla fil-ħajja tista’ twassal għal skoperta profonda tal-kuntentizza u tal-identità personali. Minn tfulija urbana fis-Swieqi, ’il bogħod min-natura u mdawwar b’ikel ipproċessat, wasal il-mument fejn ħass il-bżonn li jerġa’ jersaq lejn ambjent naturali u prodotti friski.



Wara li ggradwa u qatta’ sena jaħdem fl-IT, Daniel induna li l-ħajja ta’ uffiċċju ma kinitx għalih. Għalkemm kellu xogħol stabbli u paga tajba, iddeċieda li jieħu riskju u jaħdem f’organic farm, għażla li ħafna rawha bħala ġenn. Madankollu, hemmhekk skopra s-sbuħija tan-natura, il-valur tal-ikel frisk u l-benefiċċji tiegħu fuq is-saħħa, tant li bidel ukoll l-istil ta’ ħajja tiegħu u sar veġitarjan.



Ix-xogħol fl-għelieqi fetaħlu bibien ġodda: tgħallem dwar il-ħsad, is-siġar u l-prodotti agrikoli, filwaqt li beda jħaddan ukoll il-fotografija, speċjalment dik tal-ikel. Minn hemm twieldet il-passjoni għat-tisjir u l-esperimentazzjoni, li wasslitu jorganizza avvenimenti farm to fork u, aktar ’il quddiem, jippubblika l-ewwel ktieb tar-riċetti tiegħu, Plant-based Maltese Kitchen, ibbażat fuq prodotti lokali u staġjonali.

Is-suċċess ta’ dan il-ktieb fetaħlu aktar opportunitajiet, inkluż ikliet privati u, riċentement, it-tieni ktieb tiegħu A Mediterranean Island Kitchen, ispirat minn sena jaħdem u jivvjaġġa fuq gżejjer Mediterranji. L-istorja ta’ Daniel hija xhieda ta’ kif, kultant, meta tagħżel li tbiddel triqtek u ssegwi dak li tassew jemla qalbek, tista’ ssib il-veru kuntentizza.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI