Il-Bażilika ta' Kristu Re ta' Raħal Ġdid qasmet messaġġ mill-isbaħ minn Don Lape li se jkun qed jirritorna lura l-Kenja. Hu jikteb, "Għeżież Parruċċani, bi gratitudni lejn Alla u lejnkom ilkoll, nixtieq ninfurmakom li l-ministeru pastorali tiegħi fil-Parroċċa ta’ Raħal Ġdid issa wasal fi tmiemu. Ġejt mitlub mill-Isqof tiegħi biex nerġa’ lura lejn il-Kenja fil-21 ta’ Ottubru 2025."
Hu jżid, "Kien ta' privileġġ u barka kbira għalija li qattajt dawn it-tliet snin magħkom. Se nibqa’ nġorr miegħi ħafna tifkiriet sbieħ, u bil-għajnuna t’Alla nittama – jekk Alla jrid – li kull sena nerġa’ niġi nżurkom."
Don Lape jgħid, "Nirringrazzja mill-qalb lill-Kappillan, lill-ħuti s-saċerdoti tiegħi Patri Herbert, Dun Leonard u Dun Gilbert, kif ukoll lilkom għeżież parruċċani kollha ta' Raħal Ġdid. B’mod speċjali niftakar fl-għalliema u l-istudenti ta’ San Ġużepp tal-Blata-l-Bajda u l-kulleġġ ta' Stella Maris."
Hu jkompli, "Għalhekk nixtieq nistedinkom ilkoll, għal darb'oħra bil-permess tal-Kappillan għal Quddiesa ta' radd il-ħajr fi tmiem il-ħidma pastorali tiegħi, nhar is-Sibt, 18 ta' Ottubru fl-10:00 a.m. fil-Bażilika ta' Kristu Re."
Fl-aħħar ittemm bil-kliem, "Viva Malta u l-Maltin. Bi gratitudni u talb, Don Lape." Aħna f'isem it-tim ta' Gwida, nawgurawlu fil-ħidma tiegħu!