“Nittama Li Fejn Tinsab, Tista’ Tħoss Kemm Int Maħbub” – Gloriana F’Jum Twelid Aurelio Belli

Aurelio Belli

F’messaġġ mimli mħabba u emozzjoni, Gloriana Arpa Belli fakkret lill-mibki żewġha, il-Mro Aurelio Belli, lejlet għeluq sninu.

Hi tistqarr li ma tgħaddix ġurnata waħda mingħajr ma tisma’ l-mużika tiegħu tidwi, iżda f’dan il-jum speċjali kull melodija ssir aktar ħelwa u fl-istess ħin aktar ta’ niket.

Għal Gloriana, il-mużika li ħalla warajh Aurelio mhix biss il-wirt artistiku ta’ mużiċist li ta ruħu għal kull nota li kiteb jew daqq, iżda wkoll rabta eterna li tkompli tgħaqqadhom lil hinn miż-żmien u mid-distanza.

“Int dejjem f’qalbi,” tikteb fil-messaġġ, hekk kif tħares lejn din il-ġurnata b’emozzjoni kbira u żżomm ħajja l-memorja tal-mumenti sbieħ li qasmu flimkien.

Gloriana se tqatta’ din il-ġurnata speċjali ma’ binthom, filwaqt li tfakkar it-tbissima ta’ Aurelio, id-daħka tiegħu u l-mumenti sempliċi iżda prezzjużi li għexu flimkien.

"Nittama li fejn tinsab, tista’ tħoss kemm int maħbub," iżżid Gloriana waqt li tindirizza lil Aurelio.

Għal dejjem f'qalbna għażiż Mro. Aurelio Belli.

Ritratt:

Facebook/ Gloriana Arpa Belli

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI