L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tkompli tħeġġeġ prattiċi aktar sostenibbli waqt avvenimenti sportivi madwar Malta u Għawdex. Minn Settembru 2025 ‘l hawn, l-ERA appoġġjat total ta’ 12-il tiġrija permezz ta’ diversi inizjattivi ambjentali mmirati biex inaqqsu l-iskart iġġenerat waqt dawn l-attivitajiet.
Fost dawn l-avvenimenti kien hemm tiġrijiet popolari bħal l-Imqabba 5K Run, it-Ta’ Qali 5K Road National Championships u l-Evolve Club Road Race. Matul dawn l-avvenimenti, il-parteċipanti ngħataw tazzi bijodegradabbli u tote bags sabiex jitnaqqas l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss. Fil-każ tat-tiġrijiet fil-kampanja (trail races), minflok it-tazzi tqassmu fliexken flessibbli, adattati aħjar għan-natura tal-avveniment.
Element importanti ieħor ta’ din l-inizjattiva kien l-użu tal-water buggy tal-Water Services Corporation, li kien disponibbli fuq il-post biex lir-runners jimlew il-kontenituri tagħhom b’ilma frisk matul u wara t-tiġrija. B’dan il-mod, il-parteċipanti ma kellhomx għalfejn jiddependu fuq fliexken tal-plastik li jintużaw darba biss.
L-għan ewlieni ta’ dawn il-miżuri huwa wieħed ċar: jitnaqqas l-ammont ta’ skart li normalment jiġi ġġenerat waqt avvenimenti sportivi ta’ dan it-tip. Fil-fatt, sal-lum tqassmu madwar 9,000 tazza riutilizzabbli, li jfisser eluf ta’ fliexken tal-plastik evitati.
Barra minn hekk, l-ERA qed tħeġġeġ lill-komunità sportiva biex tadotta drawwiet aktar sostenibbli. Il-parteċipanti huma mħeġġa jisseparaw l-iskart tagħhom billi jużaw il-kontenituri pprovduti, jagħżlu mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli bħal carpooling, ir-rota jew it-trasport pubbliku, u jilbsu tagħmir sportiv magħmul minn materjali riċiklati.
Rakkomandazzjonijiet oħra jinkludu li wieħed iġib snacks f’kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw jew jagħżel ikel b’inqas ippakeġjar, kif ukoll li jixrob mill-ilma pprovdut mill-water buggy wara t-tiġrija minflok juża fliexken tal-plastik.
Din l-inizjattiva turi kif bidliet żgħar jistgħu jagħmlu differenza kbira. Kull pass lejn drawwiet aktar sostenibbli jgħin biex jitnaqqas l-iskart u jitħares aħjar l-ambjent tagħna.