Spazju Mitluq Ta’ 1,570 Metru Kwadru Se Jinbidel F’Żona Rikreattiva Għall-Familja Kollha

Project Green għaddej b’ħidma ta’ riġenerazzjoni f’Tal-Pietà, fejn spazju ta’ madwar 1,570 metru kwadru se jinbidel f’żona rikreattiva aktar moderna, ħadra u aċċessibbli għall-familji u r-residenti. Il-proġett se jagħti ħajja ġdida lil żona tal-bandli li kienet ilha mitluqa, permezz ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ u titjib kif ukoll l-installazzjoni ta’ tagħmir u faċilitajiet ġodda. S’issa diġà tneħħew madwar 800 tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni mis-sit.

Fost ix-xogħlijiet ippjanati hemm żoni ġodda għal-logħob tat-tfal, bandli ġodda, bankijiet u mwejjed, kif ukoll passaġġi u aċċessi aktar siguri u moderni. Il-ġnien se jingħata wkoll dehra ferm aktar ħadra, hekk kif se jitħawlu aktar minn 40 siġra matura flimkien ma’ diversi arbuxxelli. Uħud mis-siġar u l-pjanti se jkunu indiġeni, filwaqt li flimkien mas-siġar eżistenti mistennija jipprovdu aktar dell u jsaħħu l-ekosistema taż-żona.

Se jkun hemm ukoll ġibjun ta’ 45 metru kubu li se jintuża għal sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika, bil-għan li l-ilma jintuża b’mod aktar effiċjenti. Sistemi tal-elettriku li jaħdmu bl-enerġija solari se jkomplu jsaħħu l-element ta’ sostenibbiltà tal-proġett. Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li permezz tal-proġett qed tingħata ħajja ġdida lil spazju li kien mitluq. Hija sostniet li, ladarba jitlesta, se jkun qed joffri ambjent aktar aħdar, sigur u inklussiv fejn il-familji u l-ħbieb ikunu jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu ħin flimkien.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku Tal-Pietà Stefano Savo ddeskriva dan bħala proġett meħtieġ għal-lokalità, filwaqt li rringrazzja lil Project Green għall-għajnuna fir-riġenerazzjoni tal-bandli. Il-proġett qed isir permezz tal-Community Greening Grant, b’kollaborazzjoni bejn Project Green u l-Kunsill Lokali Tal-Pietà.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI