Pulizija Malti Jasal Sal-Base Camp Tal-Everest Waqt Li Jiġbor Donazzjonijiet B’Risq Vittmi Ta’ Terroriżmu

Ryan M Sch

Ryan Mifsud Schembri, surġent fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, għamel ġest ta’ determinazzjoni u solidarjetà billi rnexxielu jilħaq il-Base Camp tal-Muntanja Everest u Kala Patthar wara trek ta’ tmint ijiem fil-Ħimalaja.

Ryan, li ilu jservi fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għal 19-il sena, beda din l-isfida minn Lukla u tul il-vjaġġ kellu jimxi bejn tmienja u għaxar sigħat kuljum, bid-diffikultajiet kollha li seta' affaċċja.

L-isfida wasslitu sal-Everest Base Camp, li jinsab f’altitudni ta’ madwar 5,364 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, qabel ma kompla jitla’ lejn Kala Patthar, f’għoli ta’ madwar 5,600 metru.

Meta kiseb dan it-tragward, hu żamm il-bandiera Maltija quddiem il-pajsaġġ spettakolari tal-Ħimalaja. Permezz ta’ din l-avventura, hu qed jiġbor fondi u jqajjem kuxjenza favur il-Victim Support Europe Terrorism Response Network, li toffri appoġġ lill-vittmi tat-terroriżmu.

Il-kawża magħżula għandha rabta diretta wkoll mal-karriera professjonali tiegħu. Fil-passat, Ryan serva fi ħdan Special Intervention Unit u Malta Counter Terrorism Unit, filwaqt li llum jaħdem bħala speċjalista fil-European Counter Terrorism Centre tal-Europol fl-Olanda.

B’hekk, l-isfida fil-Ħimalaja ngħaqdet mal-impenn tiegħu lejn is-servizz pubbliku u mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u tat dimensjoni aktar profonda lil din l-avventura straordinarja.

Ġest ta’ kuraġġ, determinazzjoni u solidarjetà li jistħoqqlu kull tifħir. Prosit Ryan, u grazzi talli tellajt il-bandiera Maltija hemm fuq u fuq kollox, talli b'din l-isfida personali ħloqt kawża nobbli li tolqot il-ħajja ta’ tant nies.

Min jixtieq jappoġġja din il-kawża u jagħti donazzjoni, għadu jista’ jagħmel dan online. Ara l-paġna għal aktar dettalji:

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI