L-għawwiem Malti Neil Agius qed iħejji ruħu għal sfida oħra, din id-darba b'għan nobbli hekk kif fis-26 ta' Diċembru se jkun qed jieħu sehem f'għawma ta' 12-il siegħa b'risq L-Istrina, fil-pixxina tan-Neptunes. Permezz ta' messaġġ fuq il-midja soċjali, Neil ammetta li minkejja li fil-passat għamel għadd kbir ta' sessjonijiet ta' 12-il siegħa, din id-darba qed iħossu inqas preparat minn qatt qabel.
Huwa spjega li bejn ix-xogħol, il-familja u l-impenji tal-ħajja ta' kuljum, din is-sena ma kellux l-istess opportunità li jitħarreġ kif kien jixtieq. Madankollu, Neil saħaq li din l-isfida mhijiex dwar li jqabbel il-prestazzjoni tiegħu ma' dawk tal-passat, iżda dwar li jerġa' jsib ir-ritmu tiegħu flimkien ma' oħrajn, filwaqt li jgħin lill-familji fil-bżonn.
Neil qed jistieden lill-pubbliku jingħaqad miegħu f'din l-inizjattiva, filwaqt li jfakkar li wieħed m'għandux għalfejn jgħum distanza twila biex jagħmel differenza. L-importanti huwa li jipparteċipa u jagħti s-sehem tiegħu.
Dawk interessati jistgħu jirreġistraw fuq neilagius.com/listrina. Inizjattiva sabiħa li tgħaqqad l-isport mas-solidarjetà, proprju fi żmien il-Milied!
Facebook / Neil Agius