Wara l-inċident li kellha f'Ġunju, Phyllisienne Brincat żvelat li ħa jkollha operazzjoni oħra, hekk kif idha mhix qed tfiq kif kien mistenni.
F'messaġġ li qasmet fuq il-midja soċjali, hi spjegat li dalgħodu kienet qed tistenna biex tidħol għal operazzjoni maġġuri, iżda minkejja l-isfida li qed taffaċċja, qalbha hija mimlija paċi u tama fil-fidi tagħha.
Phyllisienne kitbet li temmen bis-sħiħ li Alla dejjem mexa quddiemha u qatt ma naqasha, filwaqt li sostniet li, ikun xi jkun ir-riżultat tal-operazzjoni, Hu jistħoqqlu kull tifħir.
"Jekk illum għaddej minn żmien diffiċli—kemm jekk minħabba mard, telf, biża', jew inċertezza—taqtax qalbek. Iċ-ċirkustanzi tagħna jistgħu jinbidlu, imma Alla qatt ma jinbidel" - kitbet dan bħala parir li xtaqet toħroġ mill-esperjenza tagħha.
Fl-aħħar tal-messaġġ tagħha, irringrazzjat lil dawk kollha li qed jitolbu għaliha, u qalet li l-imħabba u t-talb tagħhom ifissru ħafna għaliha.
Tinsab f'talbna, Phyllisienne.
Facebook/ Phyllisienne Brincat