Raġel residenti l-Belt Valletta ngħata sentenza sospiża wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih b’rabta ma’ ġlieda li seħħet fil-kapitali nhar l-Erbgħa. John Pierre Farrugia, li jaħdem bħala barman, kien ġie arrestat wara li kien involut f’argument ma’ raġel ieħor, li kawża tiegħu dan tal-aħħar ġarrab ġrieħi gravi.

Ritratt: Times of Malta
Skont rapport tat-Times of Malta, ir-raġel li weġġa’ huwa maħsub li huwa l-istess persuna li dehret fil-filmat li dar sew fuq il-midja soċjali din il-ġimgħa, fejn jidher jattakka spettur u kuntistabbli tal-Pulizija. Madankollu, il-każ li Farrugia tressaq il-Qorti dwaru nhar il-Ġimgħa kien marbut biss mal-ġlieda bejn iż-żewġt irġiel.
Farrugia ġie akkużat fost l-oħrajn li kkawża ġrieħi gravi, li hedded lir-raġel l-ieħor u li volontarjament kiser il-paċi pubblika. Huwa ammetta l-akkużi u ġie kkundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni li permezz tagħha Farrugia ma jistax jersaq lejn ir-raġel l-ieħor għal perjodu ta’ tliet snin.
Rapporti preċedenti indikaw li l-inċident beda f’bar l-Erbgħa filgħodu, qabel ma s-sitwazzjoni kompliet teskala. Meta l-Pulizija waslu fuq il-post, iż-żewġt irġiel allegatament qabżu minn fuq ċint u waqgħu għoli ta’ madwar nofs sular. Filmati li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali aktar tard urew liż-żewġt irġiel b’demm ma’ wiċċhom. It-tnejn ġew arrestati u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Franco Agius.
Times of Malta