Is-Soċjologu Dr Michael Brigulio sellem il-memorja ta’ Fr Pierre li mexa għall-ħajja ta’ dejjem dalgħodu. Hu kiteb, “Strieħ fil-paċi għażiż Fr Pierre, karattru tant ġentili…” imbagħad kompla jgħid kemm kien qalbieni u ġġieled sabiex f’mumenti importanti leħnu jinstema’.
Dr Brigulio jkompli jgħid, “Snin ilu kelli l-privileġġ li nkun attiv magħkom fil-Front Kontra l-Golf Kors li ddefendejt b’suċċess. Jiena ċert li tant nies oħra għandhom memorji sbieħ tiegħek.”
“Il-Ġenna laqgħet ruħ sabiħa oħra,” kitbu l-Ġiżwiti f’Malta – Provinċja Ewro-Mediterranja f’post fuq Facebook, b’dispjaċir ħabbru l-mewt ta’ wieħed minnhom; ir-raba’ Ġiżwita fl-aħħar ġimgħat.
“Dalgħodu rċivejna l-aħbar ta’ diqa terribli li l-għażiż ħabib tagħna Fr Pierre Grech Marguerat SJ miet f’daqqa fid-dar tal-komunità tal-Ġiżwiti f’Pisa fejn kien għadu kemm irritorna wara soġġorn twil fl-isptar.”
Aħna f’isem it-tim ta’ Gwida.mt ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-familja u ħbieb tiegħu f’dan il-mument ta’ diqa. Strieħ fis-sliem.