“Taqta’ Qalbek Qatt Li Tista’ Tikseb Dak Li Tassew Taħdem Għalih” – Joseph Galea Lil Bintu Martina F’Għeluq Sninha

Illum tiċċelebra għeluq sninha l-kantanta u attriċi Martina Galea Loffreda u f’dan il-jum għażiż, missierha Joseph jiktbilha erba’ kelmiet mill-qalb. Hu jibda billi jgħid, “Niftakar f’tant episodji tul dawn il-21 sena, u kollox qisu lbieraħ.”

Hu jfakkar, “Minn meta ħaddantek miegħi għall-ewwel darba, sal-ewwel jum tal-iskola, sal-aħħar jum li wassaltek il-Junior College, sa meta rajtek titlaq biex tistudja Londra, meta ġejt tarana jew ġejna narawk, mumenti ta’ sodisfazzjon u oħrajn ta’ diffikulta, insomma storja waħda b’ħafna kapitli li nista’ naqra f’tebqa t’għajn. Li narak tikber u ssir mara indipendenti, b’qalb kbira u ġenwina hija l-isbaħ ħaġa li tiġri kuljum f’ħajti.”



Joseph ikompli, “Hekk kif qed tiftaħ kapitlu ġdid f’ħajtek, f’sena oħra partikolari għalik, taqta’ qalbek qatt li tista’ tikseb dak li tassew taħdem għalih, imma meta l-affarijiet ma jmorrux kif tkun ippjanajt, ma jimpurtax, dejjem żomm f’moħħok li hemm diversi toroq fil-vjaġġ ta’ ħajjitna li jwassluna fid-destinazzjoni li nixtiequ. Aħtaf kull opportunità, tgħallem minn kull diffikultà, tibżax mill-isfidi, imma fuq kollox qatt titlef dak il-karattru u l-ispirtu li jagħmluk dak li int.”



Hu jtemm jgħidilha, “Grazzi talli mlejtilna ħajjitna b’ferħ, imħabba u kburija. Ikollok kemm ikollok età, int dejjem tibqa’ t-tifla ċkejkna tagħna li żammejnilek idejk sa ma tlaqt timxi sew, u erfajnik kull darba li kont taqa’. U llum ftakar li dejjem ha ssibna nappoġġjawk f’kull pass tat-triq tiegħek, tkun xi tkun.”

L-aħħar kliem tiegħu jkun, “Awguri mill-qalb, għażiża Martina. Inħobbuk ħafna.” F’isem it-tim ta’ Gwida, nawgurawlha l-isbaħ xewqat – illum u dejjem. Nittamaw li dak li toħlom iseħħ!



Ritratti:

Facebook / Joseph Galea

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI