Bezzina Group ħabbret b’sogħba kbira l-mewt ta’ Richard Aquilina, kollega maħbub li għal kważi 40 sena kien parti importanti mill-familja tal-kumpanija. Fi stqarrija li tellgħu fuq il-midja soċjali, il-kumpanija qalet li Richard kien impjegat stmat ħafna, magħruf għad-dedikazzjoni, il-lealtà u l-passjoni ġenwina li dejjem wera fix-xogħol tiegħu.
Bezzina Group sostniet li matul is-snin kollha li qatta’ magħhom, Richard wettaq dmirijietu b’impenn kbir u b’attitudni pożittiva li rebħitlu r-rispett u l-ħbiberija ta’ dawk kollha li kellhom il-privileġġ jaħdmu miegħu. “Il-ħidma, l-impenn u l-preżenza ġentili tiegħu kisbulu r-rispett u l-ħbiberija ta’ kull min ħadem miegħu,” qalet il-kumpanija.
F’isem il-familja kollha tal-Bezzina Group, il-kumpanija esprimiet il-gratitudni tagħha għas-snin twal ta’ servizz u devozzjoni li Richard ta lill-kumpanija, filwaqt li enfasizzat li l-kontribut tiegħu u l-memorji li ħalla warajh qatt mhu se jintesew. Il-ħsibijiet u t-talb tal-kumpanija huma mal-familja, il-qraba u l-ħbieb tiegħu f’dan il-mument diffiċli.
Il-funeral ta’ Richard Aquilina se jsir fil-Knisja Parrokkjali tal-Kunċizzjoni, Bormla, nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju fit-8:00 ta’ filgħodu.