L-Għaqda tan-Nar Fontana sellmet il-memorja tal-għażiż membru tagħha, George Galea, li ħalla din id-dinja, u li t-telfa tiegħu se tinħass minn dawk kollha li kellhom ix-xorti jsiru jafuh.
George kien bniedem ta’ dedikazzjoni u bi mħabba kbira lejn l-arti piroteknika u l-festa tar-raħal tiegħu. Il-kontribut tiegħu ma kienx wieħed ta’ darba, iżda frott ta’ snin twal ta’ ħidma u sagrifiċċju. Tant kien iħobb dak li jagħmel li, fl-aħħar snin, kien jivvjaġġa kważi kuljum lejn Malta biex jagħti sehmu fil-manifattura tan-nar għall-festa tal-Qalb ta’ Ġesù.
Matul is-snin, huwa kien ukoll parti mill-Farruġa Brothers Fireworks Factory u mill-Fontana Brothers Fireworks Factory, fejn ħalla l-marka tiegħu permezz tal-impenn kontinwu, iżda George ma kienx magħruf biss għall-ħidma tiegħu fil-qasam tan-nar. Kien ukoll benefattur tal-parroċċa u tal-għaqdiet volontarji tal-Fontana, dejjem lest li jgħin u jagħti sehmu għall-komunità.
L-Għaqda rringrazzjatu għal dak kollu li għamel u wasslet il-kondoljanzi lill-familja tiegħu u aħna wkoll ningħaqdu mal-għaqda u nixtiequ li jistrieħ fis-sliem!
Facebook/Għaqda tan-Nar Fontana