“Tlugħ U Nżul, Suċċessi, Fallimenti, Ferħ U Dwejjaq, Dawn Kollha Sawwruni” – Eileen Montesin

Eileen Montesin

Illum tiċċelebra għeluq sninha Eileen Montesin. Lil Eileen rajnieha f'diversi rwoli fuq il-mezzi tax-xandir, minn preżentattriċi, produttriċi, attriċi, kittieba tad-drama eċċ. Lista li ma tispiċċa qatt, imma dak li tidħol għalih dejjem tagħmlu mill-qalb u kif suppost.

Ma nistgħux ma nsemmux uħud mill-aqwa produzzjonijiet li ħadmet fuqhom Eileen fosthom, Sossy, Undercover, Dejjem Tiegħek Becky, KC u Deja Vu. Diversi atturi lokali, li anke ħadmu magħha, jawgurawlha f'dan il-jum. 

Preżentat diversi programmi li ħallew impatt fosthom Mhux Biċ-Ċajt lura fl-2006, u Don't Stop Me Now, li minnu ħarġu tant kantanti b'talent impressjonanti. Ġiet magħżula biex tippreżenta anke festivals lokali bħall-Malta Song For Europe u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza.

Għal snin sħaħ lil Eileen rajnieha bil-programm Family Affair, li kif jixhed l-isem, hi tingħaqad mal-familja kollha tagħha biex twassal programm divertenti lit-telespettaturi li jsegwuha. Minnu ħarġet anke s-sensiela Ara Doris!

L-aktar programmi riċenti fejn rajnieha u smajnieha huma Come Dine With Me Malta u Hello Min Hemm? Fl-okkażjoni t'għeluq sninha Eileen kitbet,

"Vjaġġ twil wassalni s'hawn. Tlugħ u nżul, suċċessi u fallimenti, ferħ u dwejjaq, dawn kollha sawwruni u għamluni dak li jien illum. Nirringrazzja lilkom kollha tas-support u l-ħbiberija li tajtuni tul is-snin. Fuq kollox nirringrazzja lil Mulej li tani grazzja ngawdi lilkom u fuq kollox lil familja tiegħi, tul dawn is-snin kollha."

Aħna f'isem Gwida.mt, nawguraw lil Eileen l-isbaħ xewqat f'għeluq sninha. Nittamaw li jkollha ġurnata mimlija b'dak kollu li tixtieq qalbha u sena mimlija b'ħafna saħħa, ferħ u paċi.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI