Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Maltese Islands Weather qalu li għada għandna nistennew xi maltemp fejn taw ukoll twissija importanti.
Huma qalu, “Matul il-lejl u fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu, il-Gżejjer Maltin jistgħu jiġu affettwati minn maltempati bir-ragħad elevati iżolati hekk kif massa ta’ arja aktar kiesħa u instabbli fl-ogħla livelli tal-atmosfera tavvanza fuq arja aktar sħuna u umda fiċ-ċentru tal-Mediterran. Ix-xita mistennija tkun ħafifa jew moderata, b’ammont ta’ trab fin mis-Saħara.”
Żiedu, “Aktar tard, lejn nofs il-jum, front kiesaħ mistenni jaqsam iċ-ċentru tal-Mediterran u jwassal għal bidla rapida fil-kundizzjonijiet tat-temp. Warajh, ir-riħ Majjistral mistenni jissaħħaħ f’daqqa u jilħaq Forza 6 sa 7 kultant matul waranofsinhar u filgħaxija, bil-baħar isir progressivament qawwi u mqalleb.”
Qalu wkoll, “Biex nevitaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li sfortunatament naraw ta’ spiss: Tmorrux tgħoddsu (jew tgħumu) f’żoni esposti għar-riħ mill-Majjistral, anke jekk il-baħar ikun jidher relattivament kalm għall-ewwel.”