Il-karozzin huwa wieħed mill-eqdem mezzi ta’ trasport f’Malta li jmur lura għas-seklu 19, meta kien jintuża bħala mezz ta’ trasport privat minn familji sinjuri u uffiċjali, qabel ma maż-żmien sar parti mill-wirt kulturali u attrazzjoni turistika fil-gżejjer Maltin.
Bħalissa qed jingħad li f’Għawdex, il-karozzini m’għadhomx jintużaw. Minflokhom, daħlu t-tuk-tuks li saru mezz popolari ta’ mawriet turistiċi, sistema li mhux biss toħloq impjiegi ġodda iżda tagħmel dan mingħajr ma tisfrutta l-annimali.
Din ir-realtà qed tintwera bħala eżempju ta’ kif it-turiżmu jista’ jissaħħaħ b’mod aktar etiku u sostenibbli. Skont messaġġ li ġie maqsum mill-paġna ta’ Animal Liberation Malta, din is-sistema ta’ trasport ġewwa Għawdex hija evidenza ċara li jeżistu alternattivi li jirrispettaw kemm il-ħaddiema kif ukoll il-benesseri u d-drittijiet tal-annimali.
Il-mistoqsija li qed titqajjem issa hija waħda ċara: li jekk din is-sistema qed taħdem b’suċċess f’Għawdex, għaliex ma tintużax ukoll f’Malta? Skont l-istess paġna, dan jista’ jkun pass importanti lejn turiżmu aktar modern, responsabbli u li jimxi mal-valuri ta’ soċjetà li qed tkompli tiżviluppa.
Facebook/ Animal Liberation Malta