Annabelle Brincat Stellini esprimiet id-dieqa tagħha wara l-ħsara li saret fil-Librerija tal-Mellieħa, u ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda “tal-mistħija u ta’ qtigħ il-qalb”. F’messaġġ li qasmet fuq il-midja soċjali, hija sostniet li dak li ġara ma jweġġax biss lil dawk li ħadmu fil-librerija matul is-snin, iżda wkoll lil kull min jemmen fil-valur tal-qari, tal-edukazzjoni u tal-komunità.
Brincat Stellini spjegat li bejn l-2013 u l-2024 kienet responsabbli mil-librerija fil-kariga tagħha ta’ kunsilliera. Matul dawk il-11-il sena, flimkien mal-librara Jeffrey u Janice, ħadmet biex il-librerija tkompli tikber u toffri servizz aħjar lill-pubbliku.
“Sen’ wara sena konna nagħżlu u nixtru kotba ġodda, inżidu l-ixkafef u naħdmu biex nibnu spazju li jservi lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-familji kollha tal-lokal,” kitbet. Hija qalet li għalhekk huwa diffiċli ħafna tara l-ħsara li saret f’post li fih ġew investiti tant snin ta’ ħidma, dedikazzjoni u mħabba lejn il-kotba.
Fl-istess messaġġ, Brincat Stellini rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-appoġġ kontinwu li ta lill-librerija matul is-snin, filwaqt li esprimiet it-tama tagħha li jinstab kemm jista’ jkun malajr post aktar adegwat u sigur fejn il-kotba u s-servizzi tal-librerija jkunu jistgħu jkomplu jservu lill-komunità.
Hija appellat ukoll biex l-investigazzjonijiet li għaddejjin iwasslu biex jiġu stabbiliti r-responsabbiltajiet kollha marbuta ma’ dan il-każ, filwaqt li enfasizzat mill-ġdid il-ħtieġa li l-librerija tingħata ambjent aktar sigur u adattat għall-funzjoni tagħha. “Il-librerija hija ġid tal-komunità kollha,” sostniet Brincat Stellini. “L-investiment ta’ tant snin, il-ħidma ta’ tant nies u l-imħabba lejn il-kotba jistħoqqilhom rispett u protezzjoni.”
Facebook / Annabelle Brincat Stivala