Missier imweġġa’ bagħat messaġġ lill-Membru Parlamentari Ramona Attard dwar il-miscarriage leave u l-weġgħa li ħafna koppji jgħaddu minnha. Dan il-missier jikteb, “Wara nofsinhar it-tajjeb Onorevoli. kif rajt il-messaġġ tiegħek li tfajt fuq Facebook qabiżli id-dmugħ, għax wara 27 sena skoprejt fejn qiegħda l-fetu tat-tarbija li la jien u lanqas marti qatt ma ħaddanna magħna dak iż-żmien. Ħadd ma kien qalilna xejn, x’ser jagħmlu bih. Jien illum għandi 51 sena u għadni nibki fis-skiet it-telfa. Grazzi.”
B’reazzjoni għal dan il-messaġġ Ramona kitbet, “Qed naqsam dan il-messaġġ bil-permess tal-persuna li bagħtituli. 27 sena sħaħ li fihom ma kienx jaf fejn indifen il-fetu tat-tarbija li hu u l-mara tiegħu qatt ma ħaddnu. Issa fi żmien il-Milied dawn l-oqbra li jinsabu fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata (in-naħa ta’ Santa Luċija) fuqhom ikollhom anke rigali tal-Milied. Il-weġgħa tal-miscarriage tibqa’ ħajtek kollha. Xogħolna hu li nkunu ta’ sostenn billi neliminaw t-tabù u nsostnu b’miżuri bħal miscarriage leave.”
Żgur li pass ‘il quddiem għal dawn il-familji. Il-weġgħa tibqa’ tinħass.
Facebook / Ramona Attard