Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa qasam mas-segwaċi tiegħu messaġġ verament importanti u realistiku, li dawk fanatiċi tal-politika tajjeb li jaqrawh u jagħtu kasu.
Hu qal, “L-elezzjoni riesqa ġmielha u qed naraw aktar tensjoni fuq is-social media. Kummenti mimlijin insulti, kliem baxx jew aħrax, tgħajjir fuq il-passat tal-persuna u profili foloz li jxerrdu mibegħda bla ma juru min huma. M’hemm xejn ħażin f’li ma naqblux. Tajjeb li niddiskutu. Imma m’hemmx bżonn nitilfu r-rispett lejn xulxin. Kelma ħażina tista’ taffettwa s-saħħa mentali tal-persuna l-oħra.”
Żied, “Ikkritika proposta, idea jew deċiżjoni kemm trid. Dik hi d-demokrazija. Imma meta nibdew nattakkaw lill-persuna u nxerrdu l-mibegħda, inkunu qed nivvelenaw il-komunità li wara l-elezzjoni rridu nibqgħu ngħixu fiha flimkien. Wara l-elezzjoni se nibqgħu niltaqgħu fuq ix-xogħol, fit-toroq, fil-ħwienet, mal-familji u fl-irħula tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar ilkoll irridu ngħixu flimkien.”
Qal ukoll, “Din id-darba qed nara kemm il-partiti ewlenin qed iressqu proposti tajbin, pożittivi u b’saħħithom fuq diversi oqsma. Iżjed minn hekk, sal-bieraħ stess, it-tnejn li huma ippreżentawlna żewġ kandidati partikolari mill-iktar validi. Ejja niddibattu b’mod matur u rispettuż. Għax politika b’saħħitha għandha tqanqal il-ħsieb, mhux il-mibegħda.”
Nicholas Briffa