Il-preżentatriċi Manila Bottone, li ilha magħrufa għal diversi snin fix-xena tar-radju u t-televiżjoni, għall-ewwel darba tkellmet pubblikament dwar dak li għaddiet minnu f’dawn l-aħħar snin.
Waqt il-programm Ma’ Gaffiero fuq ONE Radio, Manila spjegat li l-fatt li għal dawn l-aħħar erba’ snin kienet inqas preżenti mill-iskrin u l-mikrofonu kien marbut ma’ perjodu diffiċli f’ħajjitha, hekk kif għaddiet minn dipressjoni u ansjetà kbira.
Qalet li kien hemm ġranet fejn lanqas kienet tħossha kapaċi tqum mis-sodda jew tmur għax-xogħol. Il-qsim tal-istorja tagħha mhux biss fetaħ tieqa fuq dak li għaddiet minnu, iżda wassal ukoll messaġġ importanti: m’għandniex nibżgħu nitkellmu meta ma nkunux sew.
Kultant, wara tbissima jista’ jkun hemm ġlieda li ħadd ma jkun jaf biha. Għalhekk, li wieħed jitlob għall-għajnuna mhix dgħufija, iżda att ta’ kuraġġ.
It-Tim ta' Gwida.mt jawgura lil Manila għal dan il-kapitlu l-ġdid. Jalla jkun mimli serenità, saħħa u ħafna mumenti sbieħ.
Facebook/Ivan Gaffiero